Il-mard fil-qalb huwa l-kawża numru wieħed tal-imwiet f’pajjiżna.
Konxji minn dan, fl-Isptar Mater Dei, tfakkar il-jum dinji għall-qalb.
Forsi aktar mill-indirizzi ta’ bosta esperti fil-qasam tal-kardjoloġija li taw pariri siewja, laqat lil bosta il-messaġġ ta’ pazjenti li rnexxielhom jibdew paġna ġdida f’ħajjithom wara kumplikazzjonijiet f’qalbhom.
Rita Viacava aċċettat li titkellem magħna u spjegat kif il-problemi f’qalbha bdew minn kmieni.Qalet li “Jiena bdejt minn meta kont żgħira, kelli rawmatiżmu, attakkatli l-qalb, sirt naf li kienet attakkatli l-valv. Voldieri forsi kelli dawk il-ħmistax-il sena, erbatax xi ħaġa hekk. U dejjem kbirt biha, kont niġi out-patients nagħmel regolari, pero dan l-aħħar anki bdejt naqta’ lura anki fil-mixi, ngħejja, naqta’ nifsi u meta ġejt u għamluli t-testijiet sabu li jiena għandi bżonn nagħmel operation. Għamiltha f’Marzu ta’ din is-sena u niżżi ħajr l’Alla twelidt mill-ġdid.”
Filwaqt li spjegat li l-apparat użat illum f’Mater Dei huwa avvanzat ħafna u b’hekk il-pazjent huwa mgħejjun aħjar, hija saħqet fuq l-għajnuna li qed tingħata biex minn ġurnata għall-oħra tħossha aħjar.
Spjegat li “Għandna l-gym hawnhekk stess. Niġu darbtejn fil-ġimgħa. Issa spiċċajt il-kors se nibda treadmill jew rota. Voldieri looking forward li nibqa’ niġi hawnhekk għax veru hawn min jieħu ħsiebna. In-nurses li jkun hemm magħna l-gym bellezza jgħinuk ħafna.”
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Qalb, is-Soċjetà Maltija tal-Kardjoloġija organizzat taħdita interessanti dwar il-kura iżda wisq aktar il-prevenzjoni għall-mard tal-qalb.
Hawnhekk tkellmet iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, is-Sinjura Michelle Muscat li enfasizzat fuq l-għażliet li nagħmlu f’ħajjitna.
Fuq kollox spikka l-messaġġ ta’ tama u kuraġġ, ġej minn min qalbu qed terġa’ tħabbat bla xkiel għax twieled mill-ġdid.
Qalet li “Minn xħin inqum sakemm niġi biex norqod ma nidħolx fis-sodda. Nippassiġġa, ma tridx tintelaq. Pero trid ikollok il-kuraġġ u l-kuraġġ jekk tagħmlu ssibu.”