Tfajla Franċiża nħelset mill-arrest wara li wieġbet mhux ħatja li ħaqret lill-kelb tagħha tar-razza Belgian Sheperd wara li tat daqqa ta’ ċinga lill-kelb wara li ħarbilha waqt mixja kmieni dalgħodu.
Nina Schmitt-Deschamps, ta’ 26 sena residenti San Ġiljan ġiet eskortata mill-Pulizija akkużata li ħaqret lill-kelb tagħha fi triq il-Mensija f’San Ġwann.
Il-prosekuzzjani spjegat kif it-tfajla allegatament kienet qed tixrob il-lejl ta’ qabel fejn kienet għadha taħt l-effett tal-alkoħol meta ħadet lill-kelb tagħha għall-mixja kmieni filgħodu flimkien ma’ persuna oħra. Meta kienu waslu qrib ir-residenza fejn tgħix it-tfajla neħħietlu ċ-ċinga bil-konsegwenza li l-kelb ħarab. Il-kelb irritorna lura wara ftit tal-ħin fejn l-akkużata sawtitu biċ-ċinga.
Kien proprju dak il-ħin li ġirien li raw dak kollu li seħħ ċemplu lill-Animal Welfare u rrapportaw lill-mara li ħaqret lill-kelb. Il-Pulizija ssejħu fuq il-post fejn sidt il-kelb ġiet akkużata li ħaqret lill-kelb tagħha, li kissret il-paċi pubbliku u li kienet taħt l-effett tal-alkoħol f’post pubbliku.
Il-mara spjegat kif il-mod kif aġixxiet mal-kelb meta ħarab kien kastig żgħir wara li hu ħarab, fejn qieset dak li għamlet bħala mezz ta’ taħriġ biex tgħallem lill-kelb biex ma jerġax jagħmel hekk. Hi spjegat li hekk kienet tgħallmet meta kienet tgħix fi Franza.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif wara dak li seħħ sidt il-kelb u l-kelb lagħbu flimkien quddiem il-Pulizija fejn il-mara dehret li kienet tieħu ħsieb sew lill-kelb tagħha, li għalih kellha passaport fejn saħansitra ppreżentat ukoll irċevuti lill-Pulizija ta’ mediċina li kienet xtrat għall-kelb.
L-avukat tal-akkużata spjega kif għalkemm il-mod kif aġixxiet ma deherx tajjeb u li forsi hemm mezzi oħra ta’ taħriġ li setgħet użat, żgur mhux forsi li l-klijenta tiegħu ma kinitx qed taħqar lill-kelb.
It-tfajla nħelset mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €1,000 u fuq kundizzjoni li tiffirma darbtejn fl-eqreb Għassa.