Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern wettaq aktar minn 700 rakkomandazzjoni li sarulu mill-Awditur Ġenerali.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’diskors fil-Parlament meta kienu qegħdin jiġu diskussi l-Estimi Finanzjarji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Sostna li l-Gvern jivvaluta l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali u se jibqa’ juri rispett lejn din l-istituzzjoni minkejja li mhux dejjem jaqbel mal-konklużjonjiet tagħha.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-servizz governattivi u dawk offruti online li għal sena oħra regġħu ġew ikklassifikati fl-ewwel post.
Il-Prim Ministru semma wkoll is-suċċess tas-servizz offrut fuq in-numru 153 li jirċievi 48,000 telefonata kull xahar.
Filwaqt li s-servizzi governattivi online jagħmlu użu minnhom 42,000 persuna.
Servizz li rdoppja wara li fl-2017 kienu jidħlu fih 19,000 persuna.
Dr. Muscat tkellem ukoll dwar il-bżonn li s-servizz pubbliku ikompli jattira lejh aktar nies ta’ kwalità, fosthom aktar studenti gradwati mill-Università u l-MCAST.
Il-Prim Ministru qal li għal Baġit tas-sena d-dieħla hemm mat-350 miżura.
Filwaqt li spjega kif digà twettqu 74% tal-miżuri fil-manifest elettorali tal-Gvern.
Fis-seduta tal-Ħamis filgħodu, l-oppożizzjoni Nazzjonalista reġgħet kompliet bin-negattivita tagħha, iżda inqabdet f’inkonsistenzi kbar.
Nhar it-Tnejn fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal fil-Parlament li kumpaniji tal-gaming qegħdin jirrilokaw għall-pajjiżi oħra: “U konna mexjin mhux ħazin imma issa għandna theddid serju għall-industrija. Qed jirrilokaw ħaddiema tagħhom minn Malta.”
It-Tlieta l-Prim Ministru Joseph Muscat wieġbu u qallu li fil-fatt il-ħaddiema fis-settur żdiedu u mhux naqsu.
Ikkonfermat dan ukoll id-deputat nazzjonalista Kristy Debono li qalbet ta’ taħt fuq dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, meta stqarret: “Kumpaniji li rrekolaw bħal bet365, William hill u Gig, tikkonferma kemm dan is-settur is still going strong.”