Sa issa twettqu 85% tax-xewqat tal-Milied tat-tfal ta’ Children’s Dreams. Dan ġie żvelat mill-Assistent Direttur tal-Aġenzija Appoġġ Remenda Grech fejn qalet li għal sen’oħra l-pubbliku rrisponda tajjeb għal din is-sejħa sabiex tfal inqas ixxurtjati jkunu jistgħu bħal minuri oħra jgawdu dawn iż-żminijiet ta’ ċelebrazzjoni u ferħ.
Dawk kollha li diġà għażlu li jwettqu ħolma u jagħtu rigal lil dawn it-tfal u anke żgħażagħ, għandhom iċ-ċans li jagħmlu dan sa nhar it-Tlieta li ġej sal-16:30pm fiż-żona Industrijali f’ Ħal Luqa viċin showroom rinomata tal-għamara.
Ir-rigali qegħdin jintlaqgħu mill-ħaddiema tal-FSWS fejn kull persuna li tmur tagħti r-rigal tiffirma li waslet is-sorpriża u wara tingħata tifkira ċkejkna bħala sinjal ta’ rikonoxximent għal dan il-ġest nobbli.
Ir-rigali kollha jitqassmu skont is-social workers li huma assenjati li jkunu f’kuntatt mat-tfal, fejn wara dawn ir-rigali jittwaslulhom għal din l-okkazzjoni li tfakkar it-twelid ta’ Ġesù Bambin.