Is-Servizz Pubbliku Malti wettaq 81% tar-rakkomandazzjonijiet milqugħa tal-Awditur Ġenerali.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ppreżentat ir-rapport ta’ azzjoni li s-Servizz Pubbliku ħa b’rabta ma’ dawn ir-rakkomandazzjoni, intqal kif minn 172 rakkomandazzjoni li għamel l-Awditur Ġenerali, intlaqgħu 168.
Is-Segretarju Permamenti Ewlieni Mario Cutajar spjega wkoll li ċ-ċifri tar-rapport stess, u dawk ta’ awditjar intern li għamel is-Servizz Pubbliku biex jiżgura li l-implimentazzjoni verament daħlet fis-seħħ, qed jaqblu.
Is-Sur Cutajar spjega,”Ir-rata ta’ implimentazzjoni mis-sena l-oħra għal din is-sena telgħet bi tliet punti perċentwali. Qed nitkellmu fuq strutturi, sistemi u permanenza, biex l-affarijiet ma jerġgħux jiġri. Qed nitkellmu wkoll fuq governanza u kontabbiltà kif inhi l-viżjoni tas-Servizz Pubbliku.”
Dan kollu, qal il-Kap taċ-Ċivil, huwa kuntrast qawwi ma’ dak li kien isir bir-rakkomandazzjonijiet sa qabel l-2013.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni sostna, “Kien ikun hemm bejn 300 sa 350 rakkomandazzjoni, illum hemm tnaqqis ta’ 42% tar-rakkomandazzjonijiet li qed jagħmel l-awditur, li jfisser li s-sistema qed taħdem. Qed jagħti wkoll ċertifikat ta’ Good Practice, jiġifieri li hemm dipartimenti li sab li m’għandux bżonn jagħmlilhom rakkomandazzjonijiet.”
Huwa temm jispjega li fuq kollox, dan l-eżerċizzju huwa rifless fl-istrutturi li twaqqfu biex jiggarantixxu l-permanenza.
“Kien hemm żmien qabel l-2013 meta r-rakkomandazzjonijiet l-NAO, jekk għamel tliet mitt rakkomandazzjoni, niddubita kinux isiru tnejn minnhom. Illum hemm rendikonti ċari, u twaqqfu strutturi li permezz tagħhom, daħlu sistema li tat permanenza.” Temm jgħid is-Sur Cutajar.