Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma tim mediku mill-isptar Mater Dei u l-Forzi Armati ta’ Malta ġew imsejħa f’Ħad-Dingli wara li anzjan ta’ 62 sena ġarrab xi ġrieħi wara li ħassu ħażin u waqa fuq xi ħġieġ li kellu fil-għalqa tiegħu. Sorsi qrib one.com.mt qalulna li r-raġel instab mitluf minn sensih b’ferita kbira f’idu f’għalqa li hija meqjusa bħala wieħed mill-aktar postijiet inaċċessibbli fil-gżejjer Maltin. L-istess sorsi qalulna li dawk li sabu lir-raġel tawh l-ewwel għajnuna sakemm waslu l-ħaddiema tal-emerġenza. Aġir li kien strumentali sabiex isalva r-raġel.
Tim mediku ta’ Mater Dei niżel fil-għalqa flimkien ma tim tas-salvataġġ tal-Protezzjoni Ċivili fejn komplew jassistu lir-raġel sakemm ġie deċiż l-aħjar mod kif għandu jinħareġ mill-għalqa. Fuq il-post isejjaħ ukoll ħelikopter tat-tip Alouette li niżel viċin l-għalqa u tella’ lir-raġel l-art fejn kien hemm tistenna ambulanza li ħaditu l-isptar Mater Dei għall-kura.
Il-kundizzjoni tal-vittma għadha mhux magħrufa.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.
Filmat: Daniel Abela u Kieran Galea