Fiż-żmien li ġej se jibda proċess li se jwassal għall-ħolqien ta’ entità ġdida li se tkun responsabbli mir-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji, ħabbar is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri waqt li indirizza konferenza annwali tal-IFSP bit-tema ‘Efficiency and Innovation, the way forward for Malta’s Financial Services Industry’.
Waqt il-konferenza Silvio Schembri spjega li t-twaqqif tal-entità se jpoġġi lill-MFSA f’pożizzjoni iżjed b’saħħitha u tkun tista’ tiffoka aħjar fuq l-irwol regolatorju. Silvio Schembri rrefera għall-bżonn li tissaħħaħ l-istruttura interna tal-Awtorità b’mod li tirrifletti l-iżviluppi li seħħew matul iż-żmien u b’hekk l-Awtorità tkun iżjed proattiva u tesplora niċeċ ekonomiċi ġodda f’dan is-settur. “Dan se jkun fl-irwol tal-kariga l-ġdida fi ħdan l-Awtorità, il-kariga ta’ kap eżekuttiv”, qal is-Segretarju Parlamentari filwaqt li żied li dan qed iseħħ b’riżultat ta’ konsultazzjoni pubblika li tnediet ftit xhur ilu fejn instemgħu l-ħsibijiet tal-industrija u tal-pubbliku u kif jaraw li l-Awtorità se tkompli tevolvi fis-snin li ġejjin.
Silvio Schembri tkellem dwar il-bżonn li jsir assessjar kontinwu ta’ kif nibqgħu dejjem kompetittivi fejn għandhom x’jaqsmu l-prezz u l-ħolqien tal-valur miżjud, u dan jista’ jseħħ biss permezz tal-innovazzjoni. F’dan il-kuntest, kompla s-Segretarju Parlamentari, qed isseħħ l-inizjattiva tal-Gvern, dik li ‘jirregola’ r-riżultat minn DLT u minn teknoloġija oħra relatata. “Irridu li s-servizzi finanzjarji jkunu qabel iż-żmien tagħhom”.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri rringrazzja lil IFSP li flimkien ma’ entitajiet finanzjarji oħra appellaw lill-imsieħba ekonomiċi u lill-mezzi tal-media biex jaħdmu flimkien fl-aqwa interess tal-industrija. “Kullħadd għandu rwol xi jwettaq biex nissalvagwardjaw ir-reputazzjoni eċċellenti ta’ pajjiżna”, qal Silvio Schembri.