L-extension cables u reels tad-ditta British Design BS għandhom riskji għolja għal min jużahom. Għaldaqstant id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan id-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qal li nħarġet sejħa biex dawn jinġabru lura.
Fi stqarrija d-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq qal li l-extension cable ‘British Design BS’ mhix konformi mar-rekwiżiti standard applikabbli għal dan il-prodott li jiġi b’erba’ in-line socket outlets u wire ta’ żewġ metri. Il-ħxuna tal-wire nstabet li hija rqaq minn dak rekwiżit. Dan jista’ jwassal għal sħana żejda tal-istess wire, bil-konsegwenza ta’ degredazzjoni tal-iżolatur tal-wire. Dan tal-aħħar iżid il-possibilità ta’ nirien jew deformazzjoni tas-socket outlet biex b’hekk jiġu esposti partijiet minn fejn ikun għaddej il-kurrent. Dawn iż-żewġ xenarji jistgħu jheddu l-ħajja ta’ dak li jkun.
Id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq qed javża biex konsumaturi li xtraw dan il-prodott jieqfu jużaw dan il-prodott immedjatament u jirritornawh lura minn fejn xtrawh.
Skont il-liġi, il-bejjiegħa huma obbligati li joffru rimedju lill-konsumaturi li jirritornaw dawn il-prodotti lura.
Dawn it-testijiet saru bħala parti minn azzjoni konġunta bejn seba’ Membri Stati, iffinanzjati minn fondi Ewropej.
Għal aktar informazzjoni jew mistoqsijiet oħra, tista’ tikkuntattja lill-MCCAA fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt.