Mil-llum jidħlu regoli ġodda dwar pagamenti b’debit jew credit cards.
Dan biex kemm sidien ta’ ħwienet kif ukoll konsumaturi jkunu kapaċi jagħmlu għażliet effiċjenti.
Minn Diċembru li għadda, ġie stabbilit massimu ta’ kemm jista’ jkun hemm spejjeż imposti mill-banek meta ssir tranżazzjoni b’karta tal-kreditu. Dawn jitħallsu minn tal-ħanut u eventwalment mill-konsumatur. Il-limiti l-ġodda jaraw li ma jkunx hemm diskrepanzi kbar bejn dak li sid il-ħanut jaqla’ meta jitħallas b’ karti ta’ kreditu, meta mqabbel ma meta jitħallas bi flus kontanti.
Minn dan ix-xahar min ibiegħ jista’ jagħżel li jippromwovi l-għażla ta’ card preferuta tiegħu, bħal ngħidu aħna Visa jew MasterCard. Il-konsumatur jista’ ma jagħżilx dak li jippreferi minn ibiegħ, u jagħżel li jħallas b’card oħra. Dan filwaqt li min ibiegħ għandu jinforma b’mod ċar liem huma dawk il-cards li jaċċetta u liem le. L-informazzjoni lill-konsumatur hija kruċjali – għandu jkun ċar kemm hi l-interchange fee għal kull card.
Kunċett importanti u li daħal minn dan ix-xahar huwa dak li se jipperemtti lill-konsumaturi jitolbu lill-bank card waħda bi prodotti varji li huma disponibbli għall-konsumatur (Visa, MasterCard, American Express etc). Il-bank xorta jista’ jirrifjuta li jagħti lill-konsumatur tip ta’ cards partikolari, bħal ngħidu aħna premium cards.