Is-27 mexxej tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma determinati li jibqgħu magħquda u jħarsu lejn futur komuni. Hekk beda l-indirizz tiegħu l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk wara li l-poplu Ingliż ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Huwa assigura li mhux ser ikun hemm ‘vacuum’ legali sakemm ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni b’ mod formali skont kif jipprovdi t-Trattat ta’ Lisbona. Dan ifisser li l-liġijiet Ewropej, d-drittijiet u l-obligazzjonijiet kollha, se jibqgħu japplikaw.
Tusk qal li qed jipproponi laqgħa informali bejn il-mexxejja tal-Istati Membri biex ikunu diskussi d-dettalji ta’ Brexit. Filwaqt li ammetta li dawn kienu snin diffiċli ferm għall-Unjoni Ewropea, ippropona wkoll li l-Unjoni Ewropea tirrifletti sew fuq il-futur tagħha.
Tusk għalaq l-intervent tiegħu b’ qawl li wieħed jgħid lilu nnifsu meta l-affarrijiet ikunu sejrin ħażin- “Dak li ma joqtolx, isemmen!”