Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ħabbar permezz ta’ tweet li sejjaħ summit dwar BREXIT.
Dan hekk kif fid-29 ta’ Marzu r-Renju Unit se jitlob li jidħol fis-seħħ Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, li se jkun qed jibda t-triq biex ma jibqax membru tal-UE.
Dan ifisser li l-mexxejja Ewropej se jiltaqgħu madwar il-mejda biex jaddottaw il-linji gwida ta’ BREXIT. Fit-tweet tiegħu Tusk qal li l-prijorità matul din il-laqgħa, għanda tkun li r-regoli ta’ BREXIT jkunu ċerti u ċari għaċ-ċittadini, kumpaniji u membri stati kollha.
Kien it-tnejn filgħodu li r-rappreżentant permanenti tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea, Sir Tim Barrow, ta informazzjoni dwar id-data li r-Renju Unit se jibda l-proċess ta’ BREXIT, lill-Unjoni Ewropea. Spjega li wieħed għandu jistenna l-ittra ta’ May f’dik id-data. Jidher li qabel tibgħat l-ittra May trid tmur l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja.
Dan ifisser li s-suġġett li għadu fiċ-ċentru tad-diskussjoni fir-Renju Unit kif ukoll fil-pajjiżi membri, d-deċiżjoni BREXIT se tibqa’ fiċ-ċentru fil-jiem li ġejjin, hekk kif issa jridu jittieħdu deċiżjonijiet importanti u jsiru diskussjonijiet li se jaffettwaw mhux biss il-futur tar-Renju Unit iżda tal-pajjiżi membri kollha.