Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ġie kkwotat jgħid li hemm “post speċjali fl-Infern” għal “dawk li jippromwovu Brexit mingħajr pjan ta’ kif se jseħħ” – jiġifieri ta’ kif ir-Renju Unit eventwalment se joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Huwa qal dan wara diskussjonijiet mal-politiku Irlandiż Leo Varadkar fi Brussell.
Membri Parlamentari Ingliżi li qed jappoġġjaw Brexit irreaġixxew b’rabja għall-kummenti ta’ Tusk, u akkużawh b’arroganza.
Kelliem għall-Prim Ministru Ingliż Theresa May fakkar li n-nies ivvutaw biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, u qal li jkun tajjeb jekk kulħadd jiffoka fuq dan.