L-immigrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-benefiċċji tal-globalizazzjoni. Huma dawn it-tlett prijoritajiet li l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk mistenni jiddiskuti fis-Summit Informali f’ Bratislava din il-ġimgħa.
Tlett karti li bihom bi ħsiebu jżomm l-Unjoni Ewropea magħquda wara Brexit, u li biex jiżgura dan qed idur il-mexxejja tal-Istati Membri kollha qabel jiltaqgħu għal dik li qed tissejjaħ ‘riflessjoni profonda’ tal-istat li spiċċat fih l-Ewropa.
It-Tnejn, Tusk żar pajjiżna għal laqgħa privata mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn ikkonsulta miegħu dwar il-viżjoni u l-aspettattivi ta’ Malta fejn jidħlu l-immigrazzjoni, t-terroriżmu u l-globalizazzjoni.
Il-Prim Ministru saħaq li huwa entużjast li jaqsam l-ideat mal-futur tal-Ewropa li għandha Malta għall-Unjoni Ewropea. Huwa stqarr li l-Unjoni għandha bżonn tinbidel rispettivament minn BREXIT u li minkejja huwa diffiċli li l-istati membri kollha jaqblu dwar dawn it-tibdiliet pajjiżna se jkun qed jgħin biex tinsab it-triq tan-nofs.
Il-President tal-Kunsill Ewropew stqarr li dan huwa żmien fejn għandha ssir dijanjozi tan-nuqqasijiet tal-Unjoni Ewropea biex l-istituzzjonijiet jifmhu għaliex qed tonqos il-fiduċja fl-Unjoni.
Huwa fisser li mill-prestazzjoni ta’ pajjiżna s’issa jaf li Malta huwa l-aħjar pajjiż, bl-aqwa nies biex fiż-żmien li pajjiżna jieħu l-Presidenza jigwida lill-Ewropa lejn futur b’saħħtu.
Tusk saħaq li għalkemm is-summit informali kien imnebbaħ minn Brexit, id-diskussjonijiet se jiffukaw fuq il-bżonn ta’ riforma profonda fl-Unjoni Ewropea.
Is-summit huwa wieħed informali hekk kif il-Prim Ministri tal-Istati Membri kollha huma mistiedna jattendu, ħlief dik tar-Renju Unit, li teknikament għadha tagħmel parti mill-Kunsill Ewropew peress li r-Renju Unit għadu ma applikax artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona biex formalment jitlaq mill-Unjoni Ewropea.