Il-Labour Migration Policy li bħalissa qed iħejji l-Gvern se tara li tissanzjona kumpaniji jew persuni li jaħdmu għal rashom u li jkollhom turnover għoli ta’ ħaddiema barranin.
Dawn is-sanzjonijiet jinkludu restizzjonijiet biex ma jinġibux aktar ħaddiema barranin f’każ li tfeġġ din il-prattika.
Dr Abela sostna dan hekk kif waqt intervista mat-Times kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar il-Labour Migration Policy li ħabbar il-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu u li issa bdiet tiġi diskussa fuq livell ta’ Kabinett.
Dr Abela nnota wkoll l-aġir tal-Oppożizzjoni li dwar il-ħaddiema barranin tgħid li hawn wisq ħaddiema iżda mbagħad meta l-Gvern ħa deċiżjonijiet importanti bħar-riforma tat-temping agencies u għalaq il-vit fis-settur tal-Y-Plates u l-food couriers, l-Oppożizzjoni tefgħet id-dubji dwar dawn id-deċiżjonijiet.
Il-Prim Ministru wieġeb mistoqsijiet ukoll dwar il-konferenza tas-Sigma. Huwa sostna l-importanza ta’ din il-konferenza li f’erbat ijiem ħalliet mal-€100 miljun fl-ekonomija tal-pajjiż filwaqt li ħolqot 950 opportunitajiet ta’ xogħol għal ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru espona l-aġir ta’ sieq ’l hemm u sieq ’l hawn mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar it-traffiku u s-Sigma fejn minn banda jiffumenta l-populiżmu iżda ma għandux soluzzjonijiet.
Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna jrid ikollu faċilitajiet aħjar u tisħiħ fl-infrastruttura biex jibqa’ jilqa’ avvenimenti li jħallu investiment u ġid fl-ekonomija Maltija li tolqot lin-nies.
B’rabta mas-sit li fih ġiet ospitata s-Sigma, jiġifieri l-Malta Maritime Hub, il-Prim Ministru rrimarka wkoll fil-ġimgħat li ġejjin din se sservi bħala Maritime Hub propja.