In-numru ta’ voti li ma ġewx miġbura għall-elezzjoni ta’ din is-sena kien 8,372. Dan ifisser 2.4% tat-total ta’ persuni li huma eliġibbli li jivvotaw. Dan ir-riżultat wera żieda ta’ 0.4% meta mqabbel mal-elezzjoni tas-sena 2013. Dan hekk kif fl-2013 ma nġabrux 6,523 dokumenti tal-voti u din is-sena ma nġabrux total ta’ 8,372.
L-aktar żewġ distretti li fihom ma nġabrux id-dokumenti tal-voti huma l-għaxar distrett b’1,138-il vot u t-tnax-il distrett b’1,634-il vot.
Fl-ewwel distrett ma nġabrux 622 vot, it-tieni distrett 437 vot, it-tielet distrett 553 vot, ir-raba’ distrett b’367 vot, il-ħames distrett b’402 voti, is-sitt distrett b’257 vot, fis-seba’ distrett b’398 vot, it-tmien distrett b’492 vot, id-disa’ distrett 709 vot, il-ħdax-il distrett b’479 vot u t-tlettax-il distrett b’884 vot.
L-elezzjoni tal-2013 rat lil 309,600 persuna tixħet il-vot, minn 333,072 vot eliġibbli. Minnhom kien hemm 4,044 vot invalidu.
Fl-elezzjoni tal-2008 kien hemm 315,357 persuni eliġibli li jivvotaw. Minnhom ivvotaw 294,214 persuna fejn minn dak it-total kienu 3,415-il vot li ma kinux eliġibbli.
Fl-elezzjoni tas-sena 2003, l-ammont totali ta’ persuni eliġibbli li jivvotaw kien ta’ 297,930, b’285,122 persuna tixħet il-vot tagħha. Minnhom kien hemm 2,909-il vot li ma kienx validu.