Fl-2014, pajjiżna ra żieda fl-ammont ta’ kawżi u proċeduri ġodda li daħlu fil-qasam ċivili, kummerċjali u amminstrattiv. Minkejja dan, meta mqabbel mal-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna irreġistra titjib konsiderevoli fejn jidħol id-dewmien biex jinqatgħu dawn il-każijiet. Il-qabża hija ċara wkoll meta wieħed iħares lejn id-dewmien fis-sistema ġudizzjarja Maltija fis-snin precedenti.
Dan skont il-Justice Scoreboard tal-Kummissjoni Ewropea, li saħansittra fid-dewmien tal-kawżi amministrattivi, ikklassifikat lill-pajjiżna, fit-tielet post . Kuntrast qawwi mas-snin ta’ qabel fejn Malta dejjem ġiet fl-aħħar post.
L-użu tal-informatika fil-qrati wkoll ħadet spinta ‘l quddiem biex issa pajjiżna huwa stmat fost l-aqwa fl-Ewropa.
Malta rreġistrat titjib ukoll fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ġudikatura, tant li pajjiżna huwa l-aħjar fl-Ewropa fir-rata taż-żieda tal-ġudikanti nisa. Fejn tidħol l-indipendenza tal-ġudikatura, il-Justice Scoreboard jikkwota l-World Economic Forum, u jikkonkludi li pajjiżna mill-erbgħin post tela’ tliet postijiet.
Il-Perċezzjoni tan-nies ukoll hija pożittiva hekk kif hemm ferm iktar nies li jemmnu li l-qrati huma indipendenti milli dawk li ma jemmnux.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici sostna li l-2014, is-sena analizzata minn din l-istatistika Ewropea, esperjenzat turnaround.
Il-Ministru qal: “aħna tajna kelma li se nagħmlu bidla fil-qasam tal-Ġustizzja, ntejjbu dak li kien qed ikisser il-fiduċja tan-nies fil-qrati. Għandna konferma bil-miktub oħra li fl-2014 bdejna bil-ħidma biex immexxu ‘l quddiem il-qasam. Fejn qabel konna fl-aħħar postijiet issa nqlajna u bdejna tielgħin ‘l fuq u hemm oqsma fejn morna aħjar milli ħsibna”
It-tijtib sostanzjali kien rikonoxxut ukoll mill-Kummissarju Ewropew għall-ġustizzja Věra Jourova.