It-tim aerobatiku Tork, The Turkish Stars, se jesebixxi t-talent tiegħu għall-ewwel darba fil-Malta International Airshow li se jsir fit-23 u 24 ta’ Settembru. Turkish Stars se jkun qed jagħmel dan permezz ta’ tmien supersonic fighter jets, li kienu nkisbu mir-Royal Air Force Olandiża.
Dan jagħmel lil Turkish Stars, wieħed mill-ftit timijiet aerobatiċi li jagħtu eżebizzjoni b’ajruplani supersonic. L-ajruplani li se nkunu qegħdin naraw jesebixxu f’pajjiżna huma C-130 Hercules, C-160 Transall u Airbus A400M.
L-għan ewlieni ta’ Turkish Stars huwa li jirrappreżenta lil Turkish Air Force fuq livell Nazzjonali u internazzjonali u li jirrappreżenta r-Repubblika tat-Turkija.
Is-soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni, li qed torganizza il-Malta International Airshow, stqarret li hija onorata li se tkun qed tilqa’ lil Turkish Stars f’Malta.
Wieħed se jkun jista’ jara l-ajruplani fl-Ajruport internazzjonali ta’ Malta fejn se jkun jista’ jiltaqa’ ukoll mal-piloti filwaqt li l-eżebizzjoni fl-ajru tista’ ssegwiha minn Smart City.