- REKORD JIKSER IEĦOR FIT-TURIŻMU
Kienu 104,069 turist li għażlu pajjiżna għall-bidu ta’ sena ġdida, hekk kif ix-xahar ta’ Jannar 2017 irreġistra żieda ta’ 22% meta kkumparat mal-istess xahar fl-2016. Skont l-istatistika ipubblikata mill-uffiċju nazzjonali tal-istatistika, total ta’ 91,554 turist ġew f’pajjiżna għal vaganza filwaqt li 8,735 persuna oħra ġew fuq xogħol. Il-maġġoranza tat-turisti kellhom bejn 25 u 44 sena.
Fi żjara li għamel fil-bini l-ġdid tal-Awtorità għat-turiżmu fi Smart City, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li Jannar 2017 se jibqa’ mfakkar bħala l-aktar xahar li matulu ġew turisti f’pajjiżna. It-total ta’ turisti li żaru pajjiżna żdied b’60,000 persuna meta wieħed iqabbel dawn il-figuri mas-sena 2013.
It-total ta’ ljieli li qattgħu f’Malta żdiedu b’12.3% meta kkumparat ma’ Jannar 2016, b’total ta’ 737,311 lejl. In-nefqa tat-turisti kkontribwixxiet għal €70.8 miljun fl-ekonomija Maltija, żieda ta’ 8.6% meta kkumparat mal-istess xahar fis-sena 2016.