Il-kumpanija tal-farmaċewtika Teva Malta qed twettaq f’Malta investiment ta’ aktar minn €30 miljun li permezz tiegħu qed tistma li se tkun qed tħaddem madwar 70 impjegat ġdid. B’hekk, se tkompli ssaħħaħ il-kapaċità li tforni mediċini ta’ kwalità għolja lejn iżjed minn 70 pajjiż, li minnhom b’kollox jibbenefikaw mal-200 miljun pazjent.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel fil-kumpanija, fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel, il-Prim Ministru Robert Abela. Intqal ukoll li l-investiment beda fl-2020, u sa tmiem din is-sena se jkunu ntefqu €20 miljun.
Is-sena d-dieħla mistenni jsir investiment ta’ €11-il miljun.
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, Patrick Cachia, spjega fiex se jkun qed jitwettaq dan l-investiment, li jikkumplimenta l-impjant ta’ TEVA Malta li huwa approvat mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini u awtoritajiet regolatorji oħrajn u li qed iwassal għall-produzzjoni ta’ 2.2 biljun pillola fis-sena.
“L-investiment li qed inħabbru llum jinkludi, fost l-oħrajn, xiri ta’ makkinarju ġdid għall-produzzjoni u l-ippakkjar, sistema ta’ purifikazzjoni tal-ilma ġdida, investiment fi clean room għal 3 granulation bays, kif ukoll tooling speċifiku għal proġetti ġodda. F’dan l-investiment hemm ukoll l-estensjoni tal-laboratorju tal-quality control Ii se jkun mgħammar bl-aħħar teknoloġija sabiex ikun lest jilqa’ l-ittestjar ta’ proġetti ġodda.”
Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru ddeskriva dan l-investiment bħala turija ta’ fiduċja f’pajjiżna, fil-ħiliet tal-ħaddiema li toffri Malta, u fl-eċċellenza li pajjiżna qed ikompli jsaħħaħ fil-qasam tal-manifattura tal-prodotti famaċewtiċi.
Dr Abela sostna li żviluppi sbieħ bħal dawn huma konsegwenza ta’ ekonomija b’saħħitha u politika li toffri sens ta’ fiduċja li tippermetti li n-negozju jiżviluppa u jikber.
“Qed ngħinu b’deċiżjonijiet b’saħħithom waqt kriżi mhux ħafifa internazzjonali, kif għenna lil ħaddiema u lin-negozji kollha fi żmien il-pandemija. Id-deċiżjonijiet kollha li qed nieħdu issa huma mmmirati biex nibqgħu ndaħħlu l-istabbiltà u ċ-ċertezza wkoll fit-tul għan-negozji tagħna għax li naf mid-diskussjonijiet diversi li jkolli ma’ diversi investituri huwa li l-kwalità ekonomika li qed jgħożżu hija l-istabbiltà u ċ-ċertezza li qed noffru.”
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru għamel referenza għar-riżultati li qiegħed b’mod konsistenti jikseb pajjiżna mill-aġenziji internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fejn dawn qed jisħqu li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba u qed tiffoka fuq li ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi li jinħolqu.
Huwa nnota wkoll kif l-istudenti li qed jiggradwaw mill-Università, l-MCAST, u istituzzjonijiet edukattivi oħra qed isibu opportunitajiet sbieħ bħal fil-faċilitajiet sbieħ li kien qed iżur.
Fit-twettiq ta’ dan l-investiment il-kumpanija sabet wkoll l-appoġġ tal-Malta Enterprise.
Preżenti għaż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet Silvio Schembri.