L-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Falkunerija u l-Konservazzjoni ta’ Tajr tal-Priża, l-IAF, kellha kliem ta’ tifħir għall-mod ta’ kif pajjiżna qed jagħraf il-falkunerija bħala għodda għall-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-bijodiversità.
Fil-fatt f’ittra li l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni bagħat lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, huwa stqarr kif minn dejjem kien impressjonat bil-mod miftuħ u lluminat li pajjiżna tratta kwistjonijiet li jistgħu ikunu emozzjonali u stqarr li bi pjaċir jappoġġja l-politika ta’ pajjiżna lejn il-falkunieri f’pajjiżna. Dan għall-konservazzjoni u rijabilitazzjoni ta’ għasafar tal-priża.
Iżda l-falkunerija eżattament x’inhi?
ONE News tkellem mal-President tal-klabb għall-falkuniera Maltin, Lucas Micallef li spjegalna aħjar x’inhi din il-prattika li tmur lura madwar erbat elef sena.
Huwa qal: “Falkunerija hija meta tuża tajra tal-priża u fl-istat naturali tagħha hi tagħmel użu sostenibbli mir-riżorsi naturali li ssib.”
Micallef spjega kif l-ewwel leġislazzjoni dwar il-falkunerija f’Malta mfassla fl-2016 hija l-aqwa waħda fl-Ewropa.
Huwa sostna: “L-IAF li hija l-‘International Association for Falconry and Conservation of Birds of Prey’, aħna membri affiljati magħha, għarfet li l-leġiżlazzjoni Maltija hija l-aqwa leġiżlazzjoni li tħaddan l-Ewropa. Fil-fatt, illum il-ġurnata qed naraw li template tal-leġiżħlazzjoni tagħna qed tintuża minn pajjiżi oħra, jiġifieri għandna biex inkunu kburin fiha.”
Fuq ix-xagħri lejn Għajn Tuffieħa ltqajna ma’ Joseph Barbara, falkunier iddedikat li kien qiegħed iħarreġ waħda mill-ħafna tajr tiegħu.
Huwa qalilna: “Hija Grysaker, jisimha Spicy, u għandha qisu sena u erba’ xhur bejn wieħed u ieħor.”
Hawnhekk, segwejna parti mit-taħriġ tagħha fejn it-tajra tal-priża bl-isem ta’ Spicy tħalliet ittir b’mod liberu u kkaċjat ikel li kellha mdendel ma’ drone apposta f’għoli ta’ madwar tletin metru.
Barbara spjega kif din il-prattika tirrikjedi dedikazzjoni kbira. Dan hekk kif kuljum jiddedika ħin għall-manutenzjoni u l-għalf tat-tajr li għandu u jiddedika sieħat sabiex iħarreġ lil dawn it-tajr.
Huwa tenna: “Jiena nieħu qisu erba’ sigħat kuljum, ħamsa magħhom jiġifieri, minn tal-inqas. Imbgħad skont x’għandek u x’m’għandekx maintenance tal-affarijiet tagħhom u affarijiet minn dawn hux.”
Il-President tal-Klabb għall-Falkuniera Maltin, Lucas Micallef spjega kif f’pajjiżna il-futur tal-falkunerija jidher wieħed sabiħ, hekk kif ser ikun qed jintuża għall-benefiċċju tal-ambjent Malti permezz ta’ bosta proġetti ġodda.
Huwa saħaq” “Qed naraw ‘il quddiem proġetti ta’ rijabilitazzjoni li diġa qed naħdmu fuqhom, kif ukoll għandna proġetti ta .. biex neredikaw speċi invażivi pereżempju minn Kemmuna li qed naħdmu id f’id mal-ERA u mal-Ministeru għall-Ambjent ukoll biex kemm jista’ jkun nużaw teknika, prattika naturali, u ma tħallix impatt fuq l-ambjent fl-aħħar mill-aħħar.”