Il-persuni li mhumiex partiġġjani, jivvutaw lil min jivvutaw, jafu li trid tinġarr responsabilta’ politika.
Matul dawn l-erba’ snin dawn in-nies qablu mal-Partit Laburista fuq kif kabbar l-ekonomija, kif inħoloq xogħol bla preċedent, kif tqassam il-gid, kif daħlu libertajiet ċivili bla preċedent.
Ma qablux ma’ Joseph Muscat dwar kif mexa fuq il-kwistjoni tal-Panama. Fuq hekk ħa deċizjoni li kellu bżonn lil persuni involuti għaliex il-pajjiż kellu bżonnhom biex jitlestew proġetti kruċjali. Ħafna ma qablux miegħu u ta dan, ħallas prezz politiku. Ta’ dan jerfa responsabilta’.
Il-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat qal dan fl-Imqabba, fejn spjega li dan il-Gvern tgħallem mill-iżbalji u għalhekk qed jipproponi li jneħħi minn idejn il-Prim Ministru deċizjonijiet simili fil-futur. Minflok, Gvern Laburista jdaħħal fil-Kostituzzjoni, l-ogħla liġi tal-pajjiz, mekkaniżmu li permezz tiegħu ikun hemm reviżjoni awtomatika f’ każijiet fejn politiċi u persuni f’ karigi għolja jonqsu minn dmirijiethom.
“Din hija turija li tgħallimna u li lesti li nikkoregu l-iżbalji tagħna” qal Muscat.
Spjega li dan il-Gvern mhux bhal ħaddieħor li jaħseb li hu perfett. “M’aħniex elitisti u ma nharsux l-isfel lejn ħaddiehor. Aħna parti minnkom. Jien wieħed minnkom, bil-tajjeb u l-ħażin tiegħi. Jien wieħed minnkom miġburin hawn, u wieħed minnkom li qed tarawna fil-kwiet ta’ darkom għaliex il-politika ma tantx togħġobkom, għaliex dak li jgħaqqana hija l-imħabba lejn pajjiżna”.
Spjega li ta’ 43 għex kważi ż-żgħożija u l-ħajja adulta tiegħu taħt Gvern Nazzjonalista. Qbilt ma’ xi affarijiet li għamlu, u ma qbiltx fuq oħrajn. Iżda dejjem kien kburi bil-pajjiż.
Il-prinċipji tal-Partit Laburista huma ċari. Mobiltà soċjali, ġustizzja soċjali, ugwaljanza u għaqda. Il-proposti cari, realistiċi u costed huma imnebbħa minnhom. Huma proposti li kulhadd jaf li se jitwettqu. Jekk haddiehor jikkopja l-proposti kollha tal-Partit Laburista, xorta n-nies lill-PL jemmnu li jwettaqhom għaliex għandu l-kredibilta’.
“Tafu li żammejt kelmti. M’ hemmx għalfejn ngħidilkom dan għax id-differenza pożittiva għixuha, għaliex qed tħallsu inqas taxxi, kontijiet orħos, childcare b’ xejn, pensjonijiet ogħla, stipendji ogħla, għajnuna għal first time buyers, libertajiet civili u arja aktar nadifa”.
Joseph Muscat serraħ ras l-eluf preżenti li dan għadu biss il-bidu. Il-pjan għal legislatura li jmiss, jekk il-poplu jafa lill-PN, huwa superjuri għal dak li ttrasforma lil pajjiz f’ dawn l-ewwel erba’ snin.
“Għandna l-istess energija, entuzjazmu u ambizzjoni. Izda issa għandna ukoll l-esperjenza li permezz tagħha se nitgħallmu mill-izbalji li għamilna u nikkoreguhom, u nibnu fuq il-ħafna tajjeb li wettaqna flimkien”.
Kull proposta tiswa l-flus, u dawn il-flus gejjin mit-taxxi tan-nies, mill-income tax, VAT, bolla li tħallsu. Filwaqt li l-proposti tal-PL huma costed, ħaddiehor għadu ma ħariġx il-manifest tiegħu, innota Muscat.
Nafu biss parti mill-affarijiet li qed jipproponi. Jekk nieħdu biss ftit minnhom, jiswew €320 miljun fis-sena, li jfiiser tliet affarijiet.
Jew li wara l-elezzjoni jgħidu li ma jistgħux iwettqu dak li wegħdu, kif għamlu meta ma naqqsux l-income tax.
Jew daħħal l-pajjiż f’ excessive deficit procedure. Dan ikun ifisser li l-Unjoni Ewropea tgħid lil Malta li m’ aħniex kapaċi mmexxu l-finanzi u tagħmlilna l-budget hi, u tordna lil Simon Busuttil kemm inaqqas il-pensjonijiet, kemm ikeċċi nies minn mall-gvern, kemm iżid taxxi, u Simon Busuttil ikollu jobdi.
Jew inkella ikollhom iżidu t-taxxi kif diġa’ għamlu fil-passat. Simon Busuttil ikollu izid il-VAT minn 18% għal 20%. Simon Busuttil ikollu jżid il-bolla u jħalli inqas flus fil-but biex iħallas għal wegħdiet tiegħu. Simon Busuttil ikollu izid il-kontijiet għaliex jibda jbagħbas fil-politika tal-enerġija. Fil-passat, il-gvernijiet li ħadem fihom Simon Busuttil ma qalu xejn qabel l-elezzjoni iżda eżatt wara żiedu l-VAT minn 15% għal 18%, żiedu il-bolla minn 8% għal 10%, u żiedu s-surcharge fuq il-kontijiet. L-istess nies li ħolqu l-problemi, ma jistgħux jagħtu soluzzjonijiet.
Kull waħda minn dawn il-possibiltajiet titkisser il-Middle Class ġdida li dan l-pajjiż beda jibni.
“Dawn in-nies manbidlux. Tindunaw anki mit-ton li jużaw ma min ma jaqbilx magħhom. Arroganza ta’ sens falz ta’ superjorita’ fejn jaraw lil kulħadd dubbien. Jippruvaw jixtruk u mbagħad jarmuk. Ineħħu l-inċentivi għal min hu bieżel billi jagħtuhom lil kulhadd, u tħallas int b’ aktar taxxi”.
Joseph Muscat żied jgħid: “aħna bdejna nibnu flimkien din il-middle class ġdida u se niddefenduha. Se niddefenduha. Se nkabbruha. Se niddefendu lilkom u lil uliedkom”.
F’ din l-għazla, il-protagonisti l-kbar huma ż-żgħażagħ, li ma huma se jħallu lil hadd jilgħab bil-futur tagħhom. “Jien kburi bikom. Aħna kburin bikom. Pajjiżna kburi bikom” qal Muscat.
Quddiem folla b’entużjażmu liema bħalha, Joseph Muscat tekkellem dwar il-ġid li jista’ jġib Gvern Laburista jekk il-poplu jafdah iwettaq il-manifest elettorali li qed jipproponi.