Wara li l-Partit Nazzjonalista sofra l-agħar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana, qamu turbulenzi kbar fil-Partit. Fost l-oħrajn qajjem l-irwiefen il-fatt li l-elettorat għażel li jirrifjuta lil eks deputati bħal Karol Aquilina u Jason Azzopardi biex issa l-unika mod kif jistgħu ikunu membri parlamentari huwa permezz ta’ elezzjoni każwali.
Issa huma bosta li qed jagħmlu pressjoni biex Karol Aquilina u Jason Azzopardi ma jitħallewx l-art hekk kif huma tnejn mill-Blue Heroes li poġġew lil Bernard Grech Kap.
Oħrajn qed jappellaw biex persuni bħalhom li żergħu l-mibegħda fil-pajjiż u fil-partit jitħallew barra mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Fost dawn tal-aħħar hemm Pierre Portelli, wieħed minn ta’ Adrian Delia, li appella lil dawk il-kandidati li ġew eletti fuq żewġ distretti f’isem il-Partit Nazzjonalista biex ma jħallu lil ħadd jiddeċiedi għalihom meta jiġu biex jċedu s-siġġu.
Huwa qalilhom biex lil dawk in-nies li jiżirgħu l-mibegħda bejn l-istess membri tal-partit u fost il-Maltin, m’għandhomx posthom fil-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk huwa appella lil kandidati bħal Karol Aquilina u Jason Azzopardi sabiex iwarrbu kull tip ta’ strateġija interna għall-benefiċċju tagħhom u jħallu post lil kandidati ġodda li ħadmu qatigħ.
Matul il-jum tat-Tlieta mbagħad, il-Partit Nazzjonalista li għaddu mmexxi minn tal-klikka tal-Blue Heroes ħareġ stqarrija biex bħal speċi jwieġeb sostenitur ta’ Adrian Delia u fakkar li skont l-istatut, il-kandidat irid iċedi s-siġġu tad-distrett fejn ġab l-anqas persentaġġ ta’ voti.
Dan kien sar mill-Partit Nazzjonalista wara l-ġlied li dejjem inqala’ fuq kull darba li ġie kandidat Nazzjonalista biex iċedi s-siġġu.
Intant ma’ Pierre Portelli ngħaqad ukoll Alan Abela-Wadge, li ħeġġeġ lil dawk l-eks-deputati li ma telgħux biex jekk ma jistgħux jgħinu lil partit iżjed ma jitfgħux isimhom għall-elezzjoni każwali.
Qajmet ukoll diżgwid id-deċiżjoni ta’ Bernard Grech li jiggranfa mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u jagħmel minn kollox biex jibqa’ sorġut fuq is-siġġu tat-tmexxija.
L-eks Sindku Nazzjonalista Samuel Azzopardi fuq facebook għamel sensiela ta’ referenzi għal kapijiet li wara telfa elettorali rriżenjaw mit-tmexxija fosthom, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.
Hawnhekk temm l-messaġġ tiegħu b’mistoqsija evidentament indirizzata lejn Bernard Grech fejn staqsa għaliex qed isibha daqstant diffiċli biex jifhem l-ovvju.