Fdalijiet tal-kostruzzjoni, madum, banjijiet, fridges, apparat elettroniku u kull xorta ta’ skart. Din kienet ix-xena li tapnet is-sbuħija tal-Inwadar fil-limiti ta’ Marsaskala, hekk kif maż-żmien dan il-post serva ta’ miżbla, b’wħud jiddeċiedu li jarmu dak kollu li m’għandhomx bżonn f’din iż-żona.
Iżda fl-aħħar jiem, ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tindif neħħew mijiet ta’ tunnellati ta’ skart u terrapien. Iċ-chairman tal-Bord li twaqqaf mill-Gvern wara li ġie fis-seħħ Avviż Legali li permezz tiegħu ġew stabbiliti r-regolamenti tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar, Steve Borg, fuq is-sit soċjali facebook irringrazzja lil Ministru Joe Mizzi u lill-Ministru José Herrera tal-ħidma tagħhom biex l-inħawi ta’ dan il-park naturali jkun jista’ jgawdi minnhom il-pubbliku.
Kien propju l-istat degradanti, li tħalliet fiha din iż-żona li wasslet lil Gvern biex iwaqqaf l-ewwel park naturali nazzjonali matul din il-leġislatura, u anke waqqaf kumitat ta’ gwida biex iħejji ix-xogħol għall-pjan tal-immaniġjar tal-park u l-qafas ta’ tmexxija.
Fuq il-post diġa’ tweħħlu cameras tas-sigurtà bil-ghan li jinqabdu dawk il-persuni li jarmu skart.