Waqt pandemija globali, li laqtet lid-dinja kollha, il-Malta Enterprise kienet ta’ għajnuna bla preċedent għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin permezz tal-Covid Wage Supplement.
Iżda mhux biss, għaliex kompliet b’ħidmietha biex tattira l-investiment dirett barrani.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia nnota kif fis-sena tal-pandemija, ġew attirati tmienja u tletin investiment dirett barrani, li bejniethom mistennija joħolqu elf impjieġ ġdid fi tliet snin.
Is-Sur Farrugia rrimarka, “U dan kollu juri li filwaqt li żammejna n-negozji għaddejja, rajna li xorta attirar ta’ investiment ta’ proġetti, kemm internazzjonali minn barra minn Malta kif ukoll lokali jibqa’ għaddej ukoll u allura nistgħu naraw li r-riġenerazzjoni ekonomika tal-pajjiż tista’ timxi ’l quddiem sabiex inkunu nistgħu naraw illi nżommu l-impjiegi u nżommu n-nies f’impjieg u l-business jibqa’ jagħmel investiment.”
Il-Malta Enterprise adattat ma’ kif evolviet l-imxija f’pajjiżna biex issalva l-impjiegi tal-ħaddiema.
Dan hekk kif minn Marzu tas-sena l-oħra, mindu feġġew l-ewwel każijiet ta’ Covid-19, inħarġu aktar min-nofs biljun ewro f’għajnuniet lill-ħaddiema u familji Maltin u Għawdxin.
Dan wassal biex illum, il-qgħad jinsab fl-istess livell ta’ qabel il-pandemija.
Farrugia spjega, “Wara Jannar tal-2021 rajna li neqilbu l-Wage Supplement għall-mod kif il-kumpaniji jkunu naqsu d-dħul tagħhom fl-2020. Dan il-mod anke bid-diversi waves tal-pandemija rajna li dejjem nibqgħu nassistu. Allura meta reġa’ kien hemm partial lockdown, erġajna għollejna l-Wage Supplement, għal kull min għalaq għal full wage supplement ta’ €800 għal kull impjegat.”
Din l-għajnuna wasslet biex in-negozji m’għalqux u l-familji setgħu jkomplu għaddejjin waqt pandemija.