Madwar tletin ħaddiem mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, ħadmu bla waqfien biex neħħew kull periklu mit-triq li fiha lbieraħ seħħ inċident, li ra bawżer mimli diżil jinqaleb fuq karozza fil-Moll tal-Ħatab fil-Marsa.
L-inċident seħħ il-Ġimgħa waranofsinhar għall-ħabta tat-tlieta u nofs, meta x-xufier tilef il-kontroll tal-vettura u nqaleb.
Fil-ħidma mid-Diviżjoni għat-Tindif, li damet għaddejja xejn inqas minn għaxar sigħat, intefgħu madwar ħamsa u għoxrin jarda ramel biex id-diżil ikun jista’ jinġabar mit-triq.
Is-Sibt filgħodu minn fuq il-post fejn seħħ l-inċident, Ramon Deguara, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni spjega magħna kif b’kollox kien hemm madwar tlettax-il elf litru ta’ diżil li ħareġ mill-bawżer.
Deguara tenna, “Dan ix-xogħol jitlob li jintefa’ kwantità kbira ta’ ramel, iktar milli tinħasel it-triq għax jekk tinħasel it-triq tiġi tiżloq ħafna iktar allura l-ħidma saret fis-sens li ntefa’ kwantità kbira ta’ ramel, ingħorok mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u tnaddfet sabiex jerġa’ jiġi kollox lura għan-normal u tkun tista’ tintuża mill-pubbliku.”
Din il-ħidma saret b’sinerġija ma’ diversi uffiċjali minn entitajiet oħra, fosthom ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, uffiċjali ta’ Transport Malta, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Pulizija.
Deguara qal, “Dan ir-ramel li jinġabar issa huwa kontaminat bid-diżil u allura kellu jmur jintrema f’post speċjali dalgħodu stess sabiex jiġi trattat u ma jkunx jista’ jitħallat ma’ materjal ieħor li jintrema normalment fil-landfills fir-rutina normali tax-xogħol.”
Il-ħidma baqgħet għaddejja sakemm ma l-periti ta’ Transport Malta ċċertifikaw li t-triq hija bla periklu.
It-triq infetħet għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ filgħodu iżda reġgħet ingħalqet għal xi ħin matul il-jum tas-Sibt sakemm saru spezzjonijiet oħra mill-periti.