Mhux daqshekk normali li wieħed ikun għaddej fit-triq u jara li jista’ jieħu tuffieħa b’xejn. Iżda din hija n-norma għal restorant żgħir fil-Gżira, li ta’ kull filgħodu jpoġġi tuffieħ frisk fuq barra tal-istabbiliment biex in-nies li jkunu għaddejjin ikunu jistgħu jibdew il-ġurnata bit-tajjeb.
L-għan wara dan il-ġest huwa li n-nies li jkunu mexjin għax-xogħol jieħdu din it-tuffieħa magħhom biex b’hekk jieklu frotta bnina bħala kolazzjon.
Kif jgħidu l-Ingliżi an apple a day, keeps the doctor away u għalhekk dan l-istabbiliment tal-ikel qed jagħmel pjaċir lilek u anke lil min iħaddem hekk kif it-tuffieħa se tkun qed ittik is-saħħa biex ikollok ġurnata produttiva. Liema ġurnata se tkun qed tibdiha bit-tbissima hekk kif ngħiduha kif inhi, kulħadd japprezza xi ħaġa tajba li ma jkollux għalfejn iħallas għaliha.