Il-Prim Ministru Brittanika se tkun qed taffaċċja mistoqsijiet mill-Mexxej Laburista Ingliż, Sir Keir Starmer, għall-ewwel darba mindu l-Ministru għall-Finanzi ġdid, Jeremy Hunt, ħatt il-pjanijiet finanzjarji dwar it-taxxa li kienet ħabbret Truss fil-mini-budget.
Sa ġimgħa ilu, waqt sessjoni parlamentari, qabel ma keċċiet lill-Ministru għall-Finanzi Kwasi Kwarteng, li kien membru tal-kabinett viċin sew ta’ Truss, għamlitha ċara li hija kommessa li twettaq dak li kien tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu; iżda, jidher li l-poter biex twettaqhom tnaqqrilha mal-mument li appuntant lil Hunt fil-kariga ministerjali responsabbli mill-finanzi, għaliex fil-fatt, huwa biddel ħafna mill-pjanijiet li kellha.
Dan il-U-turn tal-Prim Ministru Brittanika, poġġiha f’pożizzjoni prekarja, fil-fatt, ħames membri parlamentari mill-partit tagħha stess qed jitolbuha tirreżenja.
Il-Mexxej Laburista sejjaħ dak li preżentament qed jiġri fir-Renju Unit bħala kaos. Truss kellha twieġeb għall-mistoqsijiet Parlamentari urġenti ta’ Starmer nhar it-Tnejn li għadda, iżda hi naqqset milli tattendi l-Parlament.
Membri Parlamentari leali lejn il-Prim Ministru Brittanika huma mħassba dwar ħidmet Truss, u li għalhekk, mhux eskluż li titkeċċa mill-kariga fil-ġimgħat li ġejjin. Jekk dan iseħħ, tkun l-inqas Prim Ministru li damet fil-kariga.
Ritratt: Getty Images