Għajnejn id-dinja is-Sibt kienet fuq il-Vatikan, meta ngħatat l-aħħar tislima lill-Papa Franġisku.
Ċerimonja, li għaliha attendew diversi persuni. Fil-folla kien hemm bosta persuni minn kull rokna tad-dinja, fosthom anki dawk il-persuni bla dar u foqra, l-immigranti u r-refuġjati.
Magħhom anke kien hemm għexieren ta’ Kapijiet tal-Istat minn madwar id-dinja kollha.
Fost dawk il-mexxejja internazzjonali li qanqlu interess kbir fiż-żjara tagħhom fil-Pjazza San Pietru kien hemm il-President Donald Trump, flimkien ma’ martu Melania.
Żar ukoll iċ-ċerimonja l-President Ukren Volodymyr Zelensky.
Intant, qabel ma bdiet iċ-ċerimonja, wara xarhejn ta’ ostilità bejn Trump u Zelensky minħabba l-gwerra, iltaqgħu biex jiddiskutu bejniethom.
Huma poġġew ras imb’ras fuq żewġ siġġijiet fejn iddiskutew il-gwerra fl-Ukrajna.
Zelensky stqarr li l-laqgħa kienet waħda produttiva, bi Trump ukoll jgħid li l-laqgħa damet madwar kwarta u kienet waħda li ħalliet il-frott.
Apparti l-laqgħa bejn Trump u Zelensky, iż-żewġ mexxejja ltaqgħu wkoll mal-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer.
L-Italja kienet ippreżentata mill-President Sergio Mattarella u l-Prim Ministru Giorgia Meloni.
Kien hemm preżenti wkoll il-President Arġentin Javier Milei, il-pajjiż minn fejn kien il-Papa Franġisku u l-President Brażiljan Luiz Inacio Lula da Silva.
L-Unjoni Ewropea kienet ippreżentata mill-President tat-tliet istituzzjonijiet tagħha, filwaqt li l-Ġnus Magħquda kienet ippreżentata mis-Segretarju Ġenerali ntonio Guterres.
Ma’ dawn kien hemm ukoll id-delegazzjoni Maltija, immexxija mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Flimkien magħha hemm: żewġha Anthony Spiteri Debono; il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela; u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
B’kollox, 170 reppreżentat ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja, sellmu lill-Papa Franġisku li tant kien maħbub u rrispettat madwar id-dinja kollha.