Skont għadd dejjem jikber ta’ ċittadini Ewropej sħubija fl-Unjoni Ewropea hija ħaġa tajba. Skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej, iċ-ċifri jikkorrispondu għal dawk milħuqa fl-2007 qabel ma faqqgħet il-kriżi ekonomika.
L-istħarriġ, ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew, juri li 64% tal-Maltin iqisu li sħubija fl-Unjoni Ewropea hija ħaġa tajba. Din iċ-ċifra hija 7 punti perċentwali ogħla mill-fehma tal-medja taċ-ċittadini Ewropej (57%).
Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tagħmel aktar fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu, il-qgħad u l-frodi tat-taxxa
Il-kwistjoni tal-migrazzjoni hija l-akbar tħassib għall-Maltin, bi 85% ta’ dawk intervistati jgħidu li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel aktar milli diġà qiegħda twettaq. Filwaqt li 75% tal-Maltin huma mħassba dwar Donald Trump, il-President Amerikan il-ġdid, u jixtiequ li Malta tieħu azzjoni konġunta flimkien mal-Unjoni.
Barra minn hekk, il-Maltin jixtiequ li l-Unjoni twieġeb b’mod aktar magħqud fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (83%), il-qgħad (78%) u l-frodi fiskali (75%). Dawn iċ-ċifri huma fl-istess livell tal-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej. Dwar il-Brexit, 75% tal-Maltin jemmnu li Malta tkun f’pożizzjoni aktar b’saħħitha jekk hija taġixxi b’mod konġunt ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
L-Ewropej jippreferu li l-Unjoni Ewropea tintervjeni aktar u b’mod magħqud fir-rigward tal-aħħar avvenimenti ġeopolitiċi, fosthom l-instabbiltà fid-dinja Għarbija, il-Brexit u l-ħatra tal-President Amerikan Donald Trump, b’73% tal-Ewropej jippreferu li l-Unjoni Ewropea jkollha pożizzjoni komuni minflok azzjonijiet nazzjonali individwali.
Il-vuċi tal-Maltin tgħodd fl-Unjoni Ewropea
79% tal-Maltin iqisu li l-vuċi ta’ Malta tgħodd fl-Unjoni Ewropea, żieda ta’ tliet punti perċentwali meta mqabbla mas-sena l-oħra. Din iċ-ċifra hija ferm għola mill-fehma tal-medja taċ-ċittadini Ewropej (63%). Fl-istess ħin, 47% tal-Maltin iqisu li leħinhom jinstema’ fil-livell Ewropew, bil-maġġoranza jirrispondu li huma pjuttost interessati fl-affarijiet Ewropej (62%).
Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, irrimarka li: “Is-sejbiet tal-istħarriġ tal-Parlament Ewropew dwar il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-Unjoni Ewropea juru li ċ-ċittadini Ewropej jistennew li l-Unjoni tirrispondi b’vuċi unika għat-tħassib kbir tagħhom dwar it-taqlib internazzjonali reċenti li wassal biex id-dinja tal-lum hija aktar inċerta u perikoluża. Huma aħna, l-mexxejja politiċi, li rridu nuruhom li għandhom raġun. Għal dan l-għan, aħna rridu nikkonvinċuhom, permezz tal-ħidma tagħna ta’ kuljum u tad-deċiżjonijiet tagħna, li l-Unjoni tista’ tipproteġi u ttejjeb il-ħajja tagħhom”.