Il-President Donald Trump qal li se jibda programm biex joffri residenza u eventwalment it-triq lejn iċ-ċittadinanza u passaport Amerikan lill-investituri li jħallsu ħames miljun dollaru.
Il-gvern Amerikan qed jgħid li din il-miżura se toffri triq ġdida għall-immigrazzjoni legali waqt li se tibqa’ għaddejja l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.
Trump qal li l-programm il-ġdid, imsejjaħ gold card, se jkun imniedi fi żmien ġimagħtejn, u żied li ma jemminx li l-amministrazzjoni tiegħu se jkollha bżonn l-approvazzjoni tal-Kungress.
Meta kien qiegħed jiffirma sensiela ta’ ordnijiet eżekuttivi fl-Oval Office flimkien mas-Segretarju għall-Kummerċ Howard Lutnick, il-President Trump qal li min se jkun qed jakkwista l-gold card se jakkwista l-privileġġi tal-green card, b’riferenza għall-permessi maħruġa bħalissa lir-residenti permanenti tal-Istati Uniti.
Mistoqsi jekk jikkunsidrax li jbigħ il-gold card lil ċittadini Russi, il-President Amerikan wieġeb li dan se jkun possibbli. Is-Segretarju tal-Kummerċ Lutnick qal li dawk li se japplikaw għal gold card se jkollhom jgħaddu minn proċess ta’ verifika sabiex jiġi żgurat li huma ċittadini globali ta’ klassi dinjija.