Skont il-BBC, il-President elett tal-Istati Uniti Donald Trump għadu kemm qal lill-poplu Iżraeljan iżomm sod (‘stay strong’) sakemm ikun beda jaqdi dmiru bħala President. Trump qal li ma jistax iħalli lill-Iżrael ikun trattat b’mod ħażin.
Fil-jiem li għaddew il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, sejjaħ ‘tal-mistħija’ il-vot tan-Nazzjonijiet Magħquda favur reżoluzzjoni li ġġiegħel lill-Iżrael iċċedi art fil-Palestinjana. Saħaq li l-Iżrael mhux se jimxi mal-vot ta’ nhar il-Ġimgħa fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Ir-reżoluzzjoni titlob li l-Iżrael iċedi l-art f’Ġudea, Samaria u Ġerusalemm tal-Lvant.
L-Istati Uniti astjenew mill-vot u m’użawx il-veto biex iwaqqfu r-reżoluzzjoni. Diversi uffiċjali mill-Iżrael attakkaw lill-President tal-Istati Uniti Barack Obama u lis-Segretarju tal-Istat John Kerry ta’ din il-mossa. Issa wieħed irid jistenna u jara x’tip ta’ politika se jkun qed iħaddan Trump.