Skont il-President Amerikan Donald Trump, uffiċjali Amerikani jinsabu fi triqithom lejn ir-Russja sabiex jiddiskutu l-ftehim potenzjali għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna.
Din l-aħbar ħarġet wara li uffiċjali Ukreni qablu fuq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied għal 30 ġurnata f’laqgħa ferm mistennija ma’ uffiċjali Amerikani fl-Arabja Sawdija.
Aktar kmieni, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio kien qal li issa l-ballun jinsab f’saqajn ir-Russi u li l-Istati Uniti temmen li l-unika mezz sabiex tintemm il-gwerra huwa permezz ta’ ftehim għall-paċi.
L-aħbar ta’ din iż-żjara Amerikana waslet fl-istess ħin li l-Kremlin iddikjara li l-President Russu Vladimir Putin kien żar ir-reġjun ta’ Kursk li partijiet minnu ilhom taħt kontroll tal-Ukrajna mis-sena l-oħra.
Filmati urew lil Putin mixi flimkien mal-Mexxej militari Valery Gerasimov bit-tnejn li huma kienu bi lbies militari tal-ġlied.
Il-midja Russa rrappurtat li Putin, waqt iż-żjara tiegħu, ordna lill-militar sabiex jeħilsu kompletament ir-reġjun. Il-President Russu għadu ma kkumenta xejn dwar il-ftehim propost ta’ waqfien mill-ġlied iżda l-Erbgħa il-kelliem għall-midja ta’ Putin, Dmitry Peskov qal li kienu se jeżaminaw it-termini tal-ftehim fil-jiem li ġejjin.
Trump ma speċifikax liema uffiċjali kienu sejrin ir-Russja għalkemm rapporti qed jgħidu li l-mibgħut speċjali Steve Witkoff se jkun parti mid-delegazzjoni.
Sadanittant huwa qal li jekk ir-Russja ma taqbilx mal-ftehim ta’ 30 ġurnata waqfien mill-ġlied, hekk kif maqbul mill-Istati Uniti u l-Ukrajna, allura l-Istati Uniti setat tagħmel affarijiet devastanti lill-ekonomija Russa. Huwa tenna li finanzjarjament dan ikun ħażin ħafna għar-Russja u ma jixtieqx jagħmel hekk għax irid il-paċi. Trump tenna li kien irċieva messaġġi pożittivi dwar il-possibilment waqfien mill-ġlied iżda dan ma kien ifisser xejn u li din kienet sitwazzjoni serja.