Il-President il-ġdid tal-Amerka, Donald Trump, waqqaf il-finanzjamenti federali li jmorru għal gruppi internazzjonali li joffru s-servizzi tal-abort u jipprovdu informazzjoni dwar l-abort.
Il-kelliem għall-midja ta’ Trump qal li l-President irid jaqbeż għall-Amerikani kollha, anke għal trabi li għadhom ma twieldux. Donald Trump huwa kontra s-servizzi tal-abort fl-Istati Uniti.
L-ordni eżekuttiva li ffirma Trump, magħrufa bħala Mexico City Policy żgur li ma niżlitx għasel mal-gruppi li jitkellmu favur li l-mara jkollha l-għażla jekk tagħmilx abort jew le.
Din il-politika titlob li organizazzjonijiet mhux governattivi li qed jirċievu fondi federali ma joffrux l-abort u anqas jippromwovu l-abort ma’ familji li jgħixu f’pajjiżi oħra.