Donald Trump huwa l-ħamsa u erbgħin president tal-Istati Uniti wara li rebaħ kontra kull misteni biex ssikket lill-kritiċi tiegħu f’rebħa elettorali li segwit waħda mill-iktar kampanji qalila fl-istorja moderna.
Ir-Repubblikan ta’ sebgħin sena, ġab fix-xejn l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika biex rebaħ lill-kandidat tad-Demokratiċi Hilary Clinton.
Trump huwa meqjus bħala persuna diviżiva fil-partit tieħu u lil hinn, tant li ddomina l-aħbarijiet għall-kummenti sessisti tiegħu kontra l-Musulmani u l-Messikani. Qabel iddeċieda li jrid isir President, Trump kien magħruf l-iktar għan-negozju tiegħu, fost oħrajn lukandi casinos b’ismu.
Trump mhux xi bniedem b’esperjenza politika tant li n-nies jafuh l-iktar għas-sehem tiegħu f’reality show. Akkuża kemm –il darba lil Washington, iġiffieri lit-tmexxija tal-pajjiż b’koruzzjoni, qajjem kwistjonijiet ta’ sigurta u qal li se jagħeml lill-Amerka qawwija mill-ġdid. Speċjalment fil-qasam tal-immigrazzjoni u tal-ekonomija.
Wiegħed li jirrevedi ħafna mill-politika ta’ Obama, fosthom l-Obama Care u mistenni jreġġa’ lura ordnijiet li ta’ mill-White House il-President li qed jispiċċa.
Trump irid jibda ħajt mal-fruntiera tal-Messiku u jissospendi l-immigrazzjoni minn reġjuni fejn jinbet it-terroriżmu.
Fil-qasam ambjentali mistenni jiċħad it-trattat ta’ Pariġi dwar il-bidla fil-klima u jnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq żjut li jniġġżu.