Il-President Amerikan Donald Trump qabel li jissosspendi għal 30 jum it-tariffi li kien hedded li jdaħħal fis-seħħ mil-lum fuq il-Messiku u l-Kanada, wara li ż-żewġ pajjiżi qablu li jieħdu passi biex isaħħu s-sigurtà tal-fruntieri tagħhom u jrażżnu t-traffikar tad-droga.
Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump il-Ħadd li għadda ħabbar li kien se jimponi 25% taxxi fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija mingħand iż-żewġ pajjiżi ġirien tiegħu.
Kienet il-President tal-Messiku Claudia Sheinbaum li waslet l-ewwel fi qbil hekk kif iddikjarat li kienet se tibgħat 10,000 gwardjan tas-sigurtà nazzjonali immedjatament sabiex jiġu posposti t-tariffi.
Trump qal li xogħol dawn is-suldati Messikani se jkun speċifikament sabiex iwaqqfu d-dħul tad-droga sintetika fentanyl fl-Istati Uniti kif ukoll immigranti illegali. Sheinbaum qalet ukoll li Trump kien wiegħed li se jikkontrolla it-traffikar tal-armi mill-Istati Uniti li qed jispiċċaw għand gruppi kriminali fil-Messiku.
Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau kellu taħdidiet simili u qal li madwar 10,000 persuna qegħdin u se jibqgħu jipproteġu l-fruntiera.
F’kitba fuq X qal li pajjiżu kien ser jappunta “Fentanyl Czar”, il-cartel tad-drogi se jkunu mniżżla bħala terroristi u l-fruntieri se jkunu qed jiġu mħarsa bir-reqqa 24 siegħa kuljum. Se jkun hemm ukoll forza unita bejn l-Istati Uniti u l-Kanada sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, il-fentanyl u l-ħasil ta’ flus.
Iż-żewġ kapijiet ta’ stat qed jaraw din it-tregwa bħala rebħa għan-naħa tagħhom – Trump għax sforza lill-Kanada biex taġixxi u Trudeau għax waqqaf is-sanzjonijiet b’miżuri li apparti tal-fentanyl czar, kienu diġà ġew imħabbra f’Diċembru.
Iżda t-tariffi ta’ 10% li Trump ordna fuq iċ-Ċina xorta deħlin fis-seħħ għalkemm hemm ippjanati taħdidiet mal-President Ċiniż Xi Jinping fil-jiem li ġejjin.
Trump qal li jekk iċ-Ċina ma tieqafx tibgħat id-droga fentanyl fl-Istati Uniti, t-tariffi diġà mħabbra jibqgħu jiżdiedu.
Min-naħa tagħha, ċ-Ċina qalet li l-fentanyl hija problema tal-Istati Uniti u li kienet se tikkontesta t-tariffi imposti mal-World Trade Organisation apparti tieħu miżuri oħra għalkemm ma għalqitx il-bieb għan-negozjati.