Għat-tieni darba minn meta ħabbar tariffi devastanti fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti fl-Istati Uniti, il-President Amerikan Donald Trump daqq l-irtirata u ddikjara li smartphones, kompjuters u oġġetti elettroniċi bħal semi kondutturi, ċelluli solari u memory cards huma eżenti mit-tariffi inkluż dawk li ġejjin miċ-Ċina.
Din il-mossa hija intenzjonata sabiex ma jogħlewx il-prezzijiet ta’ l-elettroniċi użati mill-konsumatur li mhumiex ta’ oriġini Amerikana. Filfatt Apple, li hija waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja tal-elettroniċi, tipproduċi 90% tal-iPhones tagħha fiċ-Ċina.
Din l-eżenzjoni daħlet f’effett mill-5 t’April.
Minkejja dan, f’kitba fuq l-internet, Trump ta x’jifhem li din l-eżenzjoni hija biss waħda temporanja hekk kif qal li se jkunu mmexxija lejn tariffa ġdida. Huwa qal ukoll li ħadd mhu se jkun qed jgħaddiha lixxa b’indikazzjoni li mistennija jkunu mħabbra aktar tariffi ġodda.