Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump qal li se jirtira lill-Istati Uniti mill-ftehim nukleari mal-Iran.
Meta rrefera għall-ftehim bħala mħassar u mmufat, Trump qal li l-ftehim kien imbarazzanti għalih bħala ċittadin.
Huwa mar kontra l-parir mill-alleati Ewropej u qal li se jerġa’ jimponi sanzjonijiet ekonomiċi li ġew rinunzjati meta l-ftehim ġie ffirmat fl-elfejn u ħmistax.
B’rispons, il-President tal-Iran qal li l-Istati Uniti ħabbret li ma tirrispettax l-impenji tagħha.
Fi stqarrija, il-ministeru għall-affarijiet barranin Malti, qal li Malta ser tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-ftehim nukleari tal-Iran. B’mod ċar, intqal li l-gvern Malti jemmen li dan il-ftehim qiegħed jaħdem bl-għan ewlieni li l-Gvern Iranjan jinżamm involut fl-implimentazzjoni tal-impenji tiegħu. Fid-dawl ta’ dan, intqal li Malta tittama li l-Istati Uniti tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha li titlaq minn dan il-ftehim.