Fl-Istati Uniti, kandidati Repubblikani li se jikkontestaw għall-irwol ta’ President ingħaqdu għall-ewwel attività tal-kampanja elettorali fl-istat ta’ Iowa li eventwalment se toħodna għall-elezzjoni Presidenzjali s-sena d-dieħla.
Rivali ewlenin f’din it-tiġrija għall-poter hemm Donald Trump u Ron De Santis iżda b’kollox hemm tlettax –il kandidat li kollha kemm huma ngħataw għaxar minuti ċans sabiex jindirizzaw l-udjenza preżenti.
Stħarriġ tal-opinjoni pubblika juru li Trump qiegħed fuq quddiem nett minkejja l-fatt li qed jaffaċċja saga legali fil-Qrati Amerikani.
Trump qal lil dawk preżenti li hu huwa l-unika kandidat li kapaċi jirbaħ l-elezzjoni tas-sena d-dieħla u qal li din hija l-unika raġuni għala bħalissa qed jaffaċċja akkużi kriminali u ċivili.
Hu nsista li se jibqa’ jieħu sehem f’din it-tiġrija elettorali anki jekk jinstab ħati mill-Qorti.