Il-President Donald Trump formalment ikkonċeda t-telfa tal-elezzjoni presidenzjali kontra Joe Biden minkejja li ma jaqbilx magħha.
Trump qal dan fi stqarrija hekk kif stqarr li ser ikun hemm bidla fil-poter b’mod ordnat fl-20 ta’ Jannar.
Madankollu l-President Trump sostna wkoll li xorta ma jaqbilx mal-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali. Irrimarka li żamm mal-wegħda tiegħu li ser jibqa’ jikkontesta l-għadd tal-voti sal-aħħar sabiex jingħaddu l-voti legali biss.
Temm jgħid li filwaqt li l-Kungress issa afferma r-riżultat finali tal-elezzjoni presidenzjali, dan l-ewwel terminu tiegħu bħala President tal-Istati Uniti ser jibqa’ mfakkar bħala l-aqwa wieħed fl-istorja.
Ir-riżultat finali tal-elezzjoni presidenzjali kkonfermat mill-Kungress tal-Istati Uniti wara l-protesti ħorox li qamu f’Capitol Hill huwa ta’ 306 vot tal-eletturi favur Joe Biden u 232 voti tal-eletturi għal Donald Trump.
Hekk kif Joe Biden issa uffiċjalment qabeż il-270 vot tal-eletturi kruċjali biex isir President, it-terminu tiegħu bħala s-46 President tal-Istati Uniti jibda fl-20 ta’ Jannar.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/07/aggornat-erba-persuni-mejta-wara-l-kaos-fil-capitol/