Il-President Amerikan Donald Trump ġie impeached mill-Kamra tar-Rappreżentanti.
Din hija l-ewwel darba fl-istorja politika Amerikana li President sofra żewġ impeachments f’terminu wieħed.
Fil-Kungress Amerikan kien hemm 232 vot favur biex Trump jitneħħa mill-poter qabel l-20 ta’ Jannar li ġej.
Kien hemm ukoll 197 vot kontra.
Kien hemm għaxar deputati Repubblikani mill-Partit ta’ Trump li vvutaw biex Trump jitneħħa.
Dan għall-kuntrarju tal-ewwel impeachment meta l-ebda deputat Repubblikan ma kien vvota kontra Trump iżda issa kien hemm numru sinjifikanti ta’ Repubblikani li qablu ma’ dak li riedu d-Demokratiċi.
Issa jmiss li s-Senat jiddeċiedi jekk Trump għandux jitneħħa minn President.
Fis-Senat, ir-Repubblikani għad għandhom maġġoranza.
Trump qed jiġi akkużat li instiga l-attakki vjolenti tal-ġimgħa l-oħra fil-Capitol Hill f’Washington DC.
Il-ġuri ta’ Trump quddiem is-Senat biex jitneħħa mistenni jintemm wara li Joe Biden jilħaq President iżda vot addizzjonali jista’ jimpedixxi lil Trump milli jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni Presidenzjali.
Trump kien wera l-intenzjoni li erba’ snin oħra jerġa’ jagħmel attentat biex jikseb l-ogħla kariga fil-White House.