Nhar it-Tnejn il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li kien iffirma erba’ ordnijiet eżekuttivi sabiex jirriforma l-militar inkluż dawk li jipprojbixxu lill-persuni transgender milli jservu mal-forzi armati tal-Istati Uniti, iwaqqfu l-programmi fil-militar għad-diversità, ekwità u inklużjoni u reġa’ daħħal lura fis-servizz lil dawk il-ħaddiema li kienu ġew imkeċċija meta rrifjutaw li jieħdu l-vaċċin tal-Covid-19 fejn se jingħataw ukoll il-paga b’lura minn dakinhar.
L-ordnijiet, li kienu iffirmati waqt li Trump kien fuq l-Air Force One meta kien qed jirritorna lura minn Florida, kienu mħabbra wara li n-nominat ta’ Trump sabiex imexxi l-Pentagon, Pete Hegseth, nhar is-Sibt ħa l-ġurament tiegħu bħala s-Segretarju tad-Difiża.
Hegseth, li minn dejjem wera l-intenzjoni tiegħu li ried dawn ir-riformi, qal li huwa ta’ unur għalih li bħala Segretarju tad-Difiża se jkun qed jassigura li dawn l-ordnijiet jiġu esegwiti bl-aktar mod rapidu.
Fl-2017, matul l-ewwel mandat tiegħu, Trump kien ipprojbixxa lill-Amerikani transgender milli jservu fil-militar iżda din kienet ġiet revokata mill-President suċċessiv Biden fl-2021.
Fifatt, ftit sigħat wara l-ġurament tiegħu, Donald Trump kien iffirma ordni fir-rigward tal-membri transgender u s-servizz militari, iżda l-ordni ta’ nhar it-Tnejn tmur oltre minn hekk għax telenka standards ġodda għall-militar rigward l-istat tal-ġeneru u li jgħidu li persuni transgender m’għandhomx il-fakultà mentali u fiżika li jirrikjedi l-militar u għalhekk qed ikunu projbiti.