Hekk kif għaddew 23 jum mill-Presidenza ta’ Donald Trump, ilbieraħ filgħaxija kompla bis-sensiela ta’ ordnijiet eżekuttivi billi impona tariffi ġodda kif ukoll ħareġ ultimatum lil grupp estremist Hamas.
II-Hamas qalu li t-theddid ta’ Donald Trump m’għandu l-ebda valur wara li qallhom li jekk ma jeħilsux l-ostaġġi kollha sa nhar is-Sibt kienu se jbatu konsegwenzi ħorox.
Il-President Amerikan iddikjara wkoll tariffa ta’ 25 fil-mija fuq l-importazzjoni tal-ħadid u l-aluminium mingħajr eċċezzjonijiet jew eżenzzjonijiet li tidħol fis-seħħ mill-4 ta’ Marzu.
Sadanittant, Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, f’kitba fuq X, ukoll iddikjarat li kienu se jirrispondu għat-tariffi fuq il-ħadid u l-aluminium sabiex jissalvagwardjaw l-interessi ekonomiċi, il-ħaddiema, in-negozji u l-konsumaturi Ewropej. Aktar kmieni dikjarazzjonijiet simili waslu mill-Kummissjoni Ewropea u l-Ministru Franċiż tal-Industrija.
Il-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, li qed jattendi s-summit tal-intelliġenza artifiċjali f’ Pariġi, qal li dawn it-tariffi ma kienux aċċettabbli u se jkollhom impatt negattiv hekk kif 50% tal-aluminium importat fl-Istati Uniti kien ġej mill-Kanada.
Illum il-President tal-Istati Uniti se jiltaqa’ mar-Re tal-Ġordan King Abdullah II fil-White House f’tentattiv biex iżid il-pressjoni fuq in-nazzjonijiet Għarab sabiex jieħdu lir-refuġjati minn Gaza bħala parti mill-pjan tiegħu biex jieħu f’idejh ir-reġjun.
Il-Ġordan flimkien ma’ pajjiżi oħra Għarab diġa rrifjutaw kategorikament li jagħmlu dan.