Ilbieraħ, Donald Trump iddikjara li se jirdoppja t-tariffi ppjanati fuq il-ħadid u l-aluminium mill-Kanada minn 25% għal 50%.
F’kitba fuq is-sit tiegħu ‘Truth Social’ iddikjara li dawn it-tariffi se jidħlu fis-seħħ mil-lum, fejn qal li din id-deċiżjoni ittieħdet bħala risposta wara li l-gvern provinċjali ta’ Ontario għolla l-prezzijiet tad-dawl mibjugħ lejn l-Istati Uniti. Ontario jipprovdu elettriku lil Minnesota, New York u Michigan u Trump diġà wiegħed li kien se jiddikjara emerġenza nazzjonali f’dawk l-Istati.
Wara daqqa ta’ ħarta fis-suq tal-ishma nhar it-Tnejn u aktar inċertezzi t-Tlieta, Trump qed jiffaċċja pressjoni qawwija sabiex juri li għandu pjan leġittimu ta’ kif se jkabbar l-ekonomija u mhux jitfa’ l-Istati Uniti f’riċessjoni.
Il-President Amerikan qal li t-tariffi ta’ 25% kienu minħabba l-kuntrabandu tal-fentanyl u t-taxxi għolja li l-Kanada imponiet fuq prodotti tal-ħalib li jippenalizzaw bdiewa Amerikani. Iżda tenna wkoll li dawn it-tariffi u miżuri oħra kollha jisparixxu jekk il-Kanada issir parti mill-Istati Uniti bħala l-51 stat.
Il-mexxej ta’ Ontario, Doug Ford, wara li rrisponda għat-tariffi ta’ Trump billi għolla l-prezzijiet tal-elettriku, tenna li l-poplu Amerikan u n-negozjanti għandhom bżonn iqumu u joġġezzjonaw kontra l-kaos li qed joħloq Donald Trump bil-gwerra kummerċjali. Huwa kompla billi qal li jekk il-pajjiż jidħol f’riċessjoni t-tort se jkun biss ta’ Trump.