Quddiem il-Qorti federali f’Miami nhar it-Tlieta l-eks President Amerikan Donald Trump wieġeb mhux ħati għall-akkużi li żamm u uża dokumenti kklassifikati b’mod illegali.
Trump huwa l-ewwel president tal-Istati Uniti – attwali jew preċedenti – li qatt affaċja akkuża kriminali federali.
L-akkużi kontrih saru nhar il-Ġimgħa wara li aġenti mill-FBI sabu aktar minn 100 dokument b’marki klassifikati fil-proprjetà privata tiegħu fi Florida f’Awwissu li għadda.
Din kienet it-tieni darba f’temp ta’ ftit xhur li kellu jidher quddiem il-Qorti Federali.
L-eks president, li qed jikkampanja biex isib postu mill-ġdid fil-White House fl-2024, qed jgħid li din il-mossa hija “att diżgustanti ta’ indħil elettorali”.
Wara s-seduta indirizza lill-partitarji tiegħu fi New Jersey. Huwa qal li kellu kull dritt li jżomm id-dokumenti klassifikati, iżda ma kellux iċ-ċans li jdur id-dokumenti kollha.