Tkompli teskala l-ġlieda tat-tariffi bejn l-Istati Uniti u l-bqija tad-dinja hekk kif il-Ħamis, f’kitba fuq il-pjattaforma diġitali tiegħu ‘Truth Social’, il-President Amerikan Donald Trump hedded li kien se jimponi tariffa ta’ 200% fuq imbid, xampanja u xorb alkoħoliku ieħor importat mill-Unjoni Ewropea.
Huwa qal li din it-theddida tibqa’ fis-seħħ sakemm l-UE tneħħi d-dazju impost fuq il-whiskey Amerikan.
Kompla jgħid li din il-mossa żgur se tkun waħda tajba għan-negozji tal-imbid u x-xampanja fl-Istati Uniti. Ftit wara li ħabbar dan, kumpaniji Ewropej tal-alkoħol raw l-ishma tagħhom jieħdu tisbita l-isfel.