Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump kompla bil-gwerra tiegħu bil-kliem fuq tariffi tan-negozju, hekk kif hedded li japplika taxxa fuq karozzi importati mill-Unjoni Ewropea. Trump qal li pajjiżi oħra ħadu vantaġġ minn fuq l-Istati Uniti għal ħafna snin minħabba l-ftehimiet tan-negozju li hu ddeskrivihom bħala stupidi.
Il-kwistjoni bdiet fil-jum tal-Ħamis meta Trump wiegħed li jimponi tariffi għoljin fuq importazzjoni tal-azzar u aluminium. Xi ħaġa li ġabet rispons iebes min-negozjanti u kritika mill-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
Rapporti qalu li kapijiet tal-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea qed jikkunsidraw tariffi ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija fuq importazzjoni mill-Istati Uniti, wara l-proposta ta’ Trump ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija tariffa fuq azzar importat u għaxra fil-mija fuq l-aluminium.