Meta kien qed jindirizza l-ġurnalisti fl-uffiċċju Ovali fil-White House, il-President Amerikan Donald Trump ta x’jifhem li seta’ jeżenta temporanjament l-industrija tal-vetturi mit-tariffi li ħabbar fis-27 ta’ Marzu għal dan is-settur u li kien qal li kienu permanenti.
Huwa qal li kien lest jgħin il-manifatturi tal-karozzi billi jtihom iċ-ċans li jirrilokaw il-kumpaniji tagħhom mill-Kanada, Messiku u postijiet oħra.
Id-diskors ta’ Trump, kien fih indikazzjoni li għal darb’oħra se jkun qed jissosspendi t-tariffi li kien qabad u fajjar fuq l-importazzjoni u li qajmu panik sħiħ fost is-swieq finanzjarji filwaqt li qajjem tħassib kbir fost l-ekonomisti dwar il-possibiltà ta’ riċessjoni ekonomika.
Ħafna qed isostnu li l-viżjoni ta’ Trump fuq in-negozju u l-kummerċ qiegħda dejjem tiċċajpar hekk kif qed ifittex li jillimita d-danni li kkawża kemm lill-ekonomija kif ukoll l-kariga politika tiegħu.
Minħabba f’hekk, it-Tnejn Trump qal, “Jien ma nbiddilx fehmti iżda jien flessibbli”.