Il-President Amerikan Donald Trump estenda d-deadline ta’ TikTok b’75 ġurnata oħra sabiex jiġu konformi mal-liġi li tgħid li jew tinbiegħ l-operazzjoni fl-Istati Uniti jew inkella ma titħalliex topera iżjed fil-pajjiż. Tiktok isostni li għandu aktar minn 170 miljun utent fl-Istati Uniti.
Bħalissa din il-pjattaforma hija propjetà tal-kumpanija Ċiniża ByteDance. Trump kien ta l-ewwel estensjoni f’Jannar wara li ħa l-ġurament u li ġiet fi tmiema nhar is-Sibt li għadda.
Fi stqarrija nhar il-Ġimgħa, ByteDance qalet li l-Ġimgħa kellha laqgħat mal-amministrazzjoni ta’ Trump iżda ma kienx intlaħaq ftehim.
Il-liġi fil-kungress Amerikan kienet għaddiet wara li l-amministrazzjoni preċedenti ta’ Biden kienet argumentat li l-pjattaforma ta’ TikTok setgħet tiġi utilizzata miċ-Ċina għal skopijiet ta’ spjunaġġ u manipulazzjoni politika.
Iżda qed jintuża l-argument tal-libertà tal-kelma bħala raġuni ewlenija biex din il-pjattforma tinżamm miftuħa.
F’nofs il-ġimgħa l-oħra kienet ħarġet l-aħbar li kien hemm probabiltà kbira li TikTok tinxtara minn Amazon.