Kif kien ilu jwiegħed Donald Trump wara l-ħatra tiegħu immedjatament mar fl-uffiċju ovali tal-White House sabiex jibda jesegwixxi serje bla preċedent ta’ azzojonijiet eżekuttivi.
Fost l-aktar li ġibdu l-attenzjoni ta’ kulħadd kien il-fatt li ta maħfra lil kważi 1600 persuna involuti fl-irvellijiet ta’ quddiem il-Capitol nhar is-6 ta’ Jannar 2021.
Jiem qabel il-ġurament, il-Viċi President tiegħu JD Vance kien alluda għal-fatt li forsi dawk li l-aktar kienu vjolenti f’dan l-inċident ma kienux se jirċievu din il-maħfra, iżda Trump inkluda lil kulħadd f’din il-maħfra anke lil dawk li vjolentament attakkaw uffiċjali tal-pulizija, farrku twieqi u għamlu ħerba fl-uffiċji tal-Kungress. Fifatt hemm kważi 1600 maħfra lil ribellużi li s’issa kienu akkużati jew arrestati. L-unika eċċezzjoni hija għal erbatax-il perċimes, membri tal-lemin estrem Proud Boys u Oath Keepers li kienu rċevew l-aktar sentenzi twal. Fil-każ tagħhom, għalkemm se jinħelsu, ir-reat se jibqa’ jidher fuq il-kondotta.
Għalkemm din il-mossa niżlet tajjeb ma’ dawk qrib tiegħu però għal ħafna oħrajn hija ħaġa deplorabbli u diġà kien hemm diversi kundanni fosthom mill-ispeaker tal-Kamra tad-Demokratiċi waqt l-inċidenti Nancy Pelosi li fuq il-mezzi soċjali qalet li dan kien insult lejn is-sistema ġudizzjarja u dawk li sofrew ġrieħi materjali u morali meta ppruvaw jipproteġu l-Capitol, il-Kungress u l-Kostituzzjoni.