Il-President Donald Trump, it-Tlieta indirizza l-Kungress għall-ewwel darba minn mindu reġa daħal fil-White House, u kiser ir-rekord għall-itwal diskors.
Huwa ma qagħadx lura milli jelenka l-akkwisti kollha tal-amministrazzjoni tiegħu u emfasizza dak li hu jemmen li hu suċċess bla preċedent f’perjodu qasir ta’ żmien.
Huwa qal li dak li rnexxielu jwettaq fi 43 jum, kien ħafna aktar minn dak imwettaq minn amministrazzjonijiet oħra f’erba’ u saħansitra tmien snin.
Id-diskors ta’ Trump tratta diversi suġġetti minn relazzjonijiet internazzjonali sa politika domestika bil-kummenti tiegħu jvarjaw mid-diskussjonijiet dwar il-ftehim ta’ paċi għall-Ukrajna għat-tariffi ġodda proposti u l-viżjoni tiegħu għall-ekonomija Amerikana.
Iżda d-diskors tiegħu ġab ukoll kontroversja hekk kif ħin minnhom ir-rappreżentant Demokratiku Al Green għajjat “M’għandekx mandat”, bi sfida dwar kemm hi leġittima il-politika u t-tmexxija ta’ Trump.
Hawnhekk Green mill-ewwel ġie maħruġ ’l barra iżda fl-udjenza dehru ċar protesti oħra b’kartelluni żgħar li kienu jaqraw “Ipproteġu l-Veterani’, “Salvaw Medicaid” u anke l-kelma “Falz”.
Protesti saru wkoll madwar l-Istati Uniti waqt li Trump kien qed jagħmel l-indirizz tiegħu, fejn dimostranti favur l-Ukrajna nġabru barra tal-Capitol u folol kbar jipprotestaw kontra Trump u l-aġenda tiegħu nġabru barra l-kwartieri ta’ Fox News fi New York.